Daniż ta’ ħamsa u għoxrin sena tilef ħajtu matul il-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt, għall-ħabta tas-sagħtejn u għoxrin ta’ filgħodu, wara li ttajjar minn vettura, fi Triq Mikiel Anton Vassalli, f’San Ġiljan, taħt il-mini, direzzjoni lejn il-Gżira.
Il-vettura, li laqtet lill-vittma, tat-tip Honda Accord, kienet qed tinstaq minn raġel ta’ erbgħa u erbgħin sena mill-Mosta.
Il-Pulizija u tim mediku mill-Isptar Mater Dei marru minnufih biex jassistu, iżda sfortunatament, iż-żagħżugħ ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post, kawża ta’ ġrieħi serji li sofra f’rasu.
Għal xi ħin, it-triq ingħalqet għat-traffiku, sakemm saru l-investigazzjonijiet preliminari.
Membri tal-Protezzjoni Ċivili wkoll assistew fuq il-post.
Dwar dan il-każ inħatret inkjesta maġisterjali u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Ritratt: Uffiċju tal-Komunikazzjoni, il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta