Alejandro Brincat, żagħżugħ ta’ 25 sena mill-Imtarfa u missier ta’ żewġt itfal tilef ħajtu traġikament, fl-ewwel inċident tat-trafiku fatali għas-sena 2025.
L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ disgħa u kwart tat-Tnejn filgħaxija fi Triq l-Imdina Ħ’Attard.
Jirriżulta li l-ġuvni tilef il-kontroll tal-karozza tal-għamla Mercedes li kien qiegħed isuq u ħabat ma’ siġra. Bil-konsegwenza ta’ dan il-karozza spiċċat wieqfa mal-ħadid fil-ġenb tat-triq.
Mill-ewwel bdiet il-ħidma mill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili li f’operazzjoni delikata, għamlu l-almu tagħhom biex joħorġu lill-ġuvni mill-karozza.
Fuq il-post saret ukoll tfittxija mill-klieb tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, biex ikun żġurat li l-vittma kien waħdu fil-karozza fil-ħin tal-inċident.
Fuq il-post kien ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei, flimkien mat-tabib tal-emerġenza sabiex ikunu jistgħtu jagħtu l-ewwel għajnuna lill-vittma.
Iżda, sfortunatament, iż-żagħżugħ tilef ħajtu fuq il-post.
Dwar dan il-każ, infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizjia b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.
Fuq il-post ukoll kien inġabru numru ta’ qraba, li ma setgħux jemmnu b’dak li kienu qed jaraw quddiem għajnejhom. Magħhom ukoll, ingħaqdu diversi ħbieb tal-istess ġuvni.
AQRA AKTAR:
Ritratti tal-inċident: Talk.mt / CMRU