Żagħżugħ ta’ 23 sena minn Birkirkara ġie arrestat u se jitressaq il-Qorti wara li allegatament ħaraq bieb ta’ dar, li tinsab fi Triq Alexander, il-Ħamrun.
Il-każ seħħ il-Ġimgħa għall-ħabta tal-5:15pm wara rapporti li tqabbad minn xi persuni mhux magħrufa. Dak il-ħin ma kien hemm ħadd fid-dar.
Fuq il-post issejħet l-għajnuna ta’ membri tal-Protezzjoni Ċivili li rnexxielhom jikkontrollaw in-nirien u ħadu l-prekawzjonijiet meħtieġa sabiex ikun assigurat li ma jkunx hemm aktar periklu.
Il-Maġistrat tal-Għassa, Dr Caroline Farrugia Frendo ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet mill-membri tal-Taqsima li tinvestiga ħruq intenzjonat ta’ propjetajiet jew vetturi, magħrufa aħjar bħala l-Arson Unit, wasslu għall-arrest taż-żagħżugħ matul il-jum tas-Sibt.
Huwa mistenni jitressaq il-Qorti llum, għall-ħabta tal-11:30am, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Rachel Montebello.