Żagħżugħ ta’ tlieta u għoxrin sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li dalgħodu waqa’ minn għoli ta’ madwar erba’ sulari fil-Ħamrun.
Il-Pulizija qalet li l-inċident seħħ għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu fi Triq is-Sewwieqa, meta ż-żagħżugħ Sirjan li joqgħod Ħal Tarxien kien qed jagħmel xi xogħol ta’ kostruzzjoni.
Tim mediku ġie msejjaħ fuq il-post sabiex jassisti lill-vittma.
Huwa ttieħed immedjatament l-Isptar Mater Dei fejn iktar tard ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.
Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Francesco Depasquale li ħatar l-esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.