Raġel ta’ 23 sena li joqgħod in-Naxxar jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien involut f’inċident bil-mutur l-Erbgħa filgħaxija.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-6.45 pm fi Triq Leli Falzon in-Naxxar, meta għal xi raġuni r-raġel tilef il-kontroll tal-mutur tat-tip Honda li kien qed isuq. Jidher ukoll li kawża t’hekk dan ħabat f’karorzza tat-tip Toyota Yaris, li dak il-ħin kienet ipparkjata fit-triq.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard is-sewwieq ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji. Bil-każ ġie infurmat il-Magistrat tal-Għassa Victor li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti biex jassistuh.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.