Ahmed Hames ta’ 22 sena mis-Sirja residenti Gwardamangia tressaq il-Qorti akkużat li bejn it-23 u l-24 ta’ Frar fil-bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan stupra mara mingħajr il-kunsens tagħha.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Matthew Spagnol spjegat li fl-24 ta’ Frar il-Pulizija rċeviet rapport ta’ stupru mill-vittma madanakollu l-arrest sar fit-8 ta’ Marzu wara li l-vittma identifikatu ġewwa Paceville.
Il-Prosekuzzjoni spjegat ukoll li minkejja li l-vittma għarfet lill-Hames, hu ma għarafiex.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u permezz tal-avukat Noel Bianco talab għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet.
Fosthom li jmur jgħix ma kuġinuh hekk kif bħalissa l-akkużat kien jgħix ma’ sħabu f’kirja u kien hemm biża’ li jaħrab.
Huwa ordnat ukoll ma jagħmilx kuntatt mal-vittma u jiffirma l-għassa ta’ Birkirkara, ma jiffrekwentax il-lokalità ta’ Paceville u San Ġiljan u li jkun ġewwa sat-8.30 pm.