Żagħżugħ t’għoxrin sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien involut f’argument ma’ raġel ieħor.
Il-każ seħħ matul il-lejl li għadda fix-Xattt ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan għall-ħabta tat-tlieta neqsin kwart, meta l-Pulizija kienet infurmata li hemm raġel mitluf minn sensih u ieħor li kellu xi feriti.
Iż-żagħżugħ t’għoxrin sena sofra minn ġrieħi serji u l-ieħor, li l-età tiegħu għadha mhix magħrufa, sofra minn ġrieħi gravi.
Jirriżulta li qam argument bejn żewġ Libjani u grupp ta’ rġiel oħra barranin li ħarbu minn fuq il-post. Fil-fatt, il-Pulizija qed tfittex grupp ta’ rġiel li allegatament kienu nvoluti fl-istess argument.
Il-vittmi ngħataw l-assistenza minn tim mediku u ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.
Il-Maġistrat tal-Għassa ħatret inkjesta u l-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan.