Żagħżugħ ta’ 19-il sena miet wara ħruġ ta’ gass minn heater f’dar f’Ħal Qormi.
Fi stqarrija l-pulizija qalet li ntalbet l-assistenza tal-pulizija u membri tal-Protezzjoni Ċivili fl-erbgħa u nofs ta’ waranofsinhar fi Triq Santa Katerina, f’Ħal Qormi.
L-ewwel investigazzjonijiet juru li l-ġuvni ta’ 19-il sena ntilef minn sensih u ngħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku iżda sfortunatament tilef ħajtu ftit ħin wara fl-Isptar Mater Dei.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras, li ħatret Inkjesta filwaqt li għaddejjin l-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett.