Żagħżugħ ta’ dsatax-il sena minn Ħal Qormi, li fil-passat xellef difru mal-ġustizzja, ingħata l-libertà proviżorja għar-raba’ darba wara li ġie akkużat li attakka u hedded lill-eks sieħba tiegħu.
Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia, Kurt David Azzopardi wieġeb mhux ħati u sostna li l-allegazzjonijiet li għamlet l-eks sieħba tiegħu kienu foloz.
Fil-Qorti ntqal li t-tfajla kienet irrapurtat lill-pulizija, li Azzopardi kien hedded li joqtolha u li għamel ħsara fil-karozza tagħha wara argument.
Il-qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ ħames mitt ewro u garanzija personali ta’ elfejn ewro. Huwa ġie ordnat ukoll biex ma jersaqx lejn it-tfajla.