Żagħżugħ ta’ 19-il mill-Ħamrun, ġarrab ġrieħi gravi waqt argument fin-Naxxar fejn allegatament intuża oġġett iebes.
Il-każ seħħ fi stabbiliment tad-divertiment fi Triq Tul il-Kosta għall-ħabta tas-6:05 ta’ filgħaxija.
Mill-ewwel investigazzjonijiet li saru fuq il-post irriżulta li kien seħħ argument bejn ir-raġel ta’ 19-il sena u żewġt irġiel oħra li l-identità tagħhom għadha mhux magħrufa.
Il-vittma ttieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza għall-aktar kura medika. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
Il-Pulizija tad-Distrett għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar il-każ.