Żagħżugħ ta’ 19-il sena, li joqgħod Ħal Tarxien, il-lejl li għadda ġie arrestat f’San Pawl il-Baħar b’rabta ma’ serqa minn lukanda.
Il-każ seħħ il-Ġimgħa għall-ħabta tal-11:30 ta’ filgħaxija f’lukanda li tinsab fi Triq il-Qawra f’San Pawl il-Baħar.
Il-Pulizija ġew informati minn ħaddiema tal-lukanda li persuna allegatament kienet għadha kif serqet il-kexxun tal-flus minn ġo restaurant li jinsab fl-istess lukanda u li għandhom suspett f’raġel li kien fil-viċinanzi.
Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post, fejn fi Triq l-Artikli f’San Pawl il-Baħar, innutaw żagħżugħ suspettuż li kien jaqbel mad-deskrizzjoni li taw il-ħaddiema fir-rapport tagħhom.
Huwa ġie arrestat minnufih u minn tfittxija li saret fuqu nstab li kellu ammont konsiderevoli ta’ muniti fuqu. Iż-żagħżugħ ittieħed il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għall-aktar investigazzjonijiet, li għadhom għaddejjin.