Żagħżugħ ta’ tmintax -il sena ttieħed l-isptar għal kura wara li kmieni dalgħodu kien involut f’inċident b’karozza f’San Pawl il-Baħar.
Il-ġuvni minn Pembroke kien qed isuq karozza Volkswagen Golf fi Triq Burmarrad meta għal ħabta tat-tlieta neqsin kwart ta’ dalgħodu tilef il-kontroll u baqa’ dieħel f’siġra u l-karozza waqfet ma’ bieb ta’ garaxx.
Fil-karozza kien hemm ukoll żagħżugħ ieħor ta’ dsatax-il sena min-Naxxar li ma ġralu xejn.
Fuq il-post marret ambulanza biex ħadet lix-xufier l-isptar Mater Dei għal kura fejn sa issa ma jidhirx li ż-żagħżugħ weġġa’ gravi.