Żagħżugħ ta’ 18-il sena arrestat wara li tajjar żagħżugħ ieħor u telaq.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm
bżonn l-assistenza fi Triq Fleur-De-Lys, Birkirkara minħabba li kien hemm persuna li kellu xi ġrieħi.
Immedjatament il-Pulizija marru fuq il-post u rrizulta li l-vittma, żagħżugħ ta’ 17-il sena residenti l-Ħamrun, kien intlaqat minn karozza, bix-xufier jaħrab minn fuq il-post.
Fl-inċident xi vetturi pparkjati ġarrbu xi ħsarat.
Il-vittma ngħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
Investigazzjonijiet intensivi tal-pulizija wasslu sabiex madwar siegħa wara nstabet l-karozza involuta u jiġi arrestat l-allegat xufier, żagħżugħ ta’ 18-il sena residenti n-Naxxar.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea li ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejin.