Tliet xhur qabel jagħlaq tmintax-il sena, Ramiro Mallia dieħel għall-ħajja adulta b’ċertu apprezzament lejn il-ħajja, u qal li se jiċċelebra għeluq sninu darbtejn.
Iż-żagħżugħ qasam l-esperjenza tiegħu dwar il-marda tal-kanċer, li ħakmitu meta kellu biss sentejn u disa’ xhur.
Qal li “Meta kont nieħu l-injections kienu jiġu n-nurses kollha jżommuni, ommi u missieri dejjem ħdejja, u l-agħar ħaġa meta qaxxruli xagħri. Kellhom iqaxxruh qraba u ħbieb miegħi biex jagħmluli kuraġġ.”
Kważi ħmistax-il sena wara, jinsab b’saħħtu aktar minn qatt qabel, wara li ġġieled u ħareġ rebbieħ fuq il-marda tal-leukemia.
Iżda bħal li kieku dan ma kienx imrar biżżejjed, ftit wara li fieq hu, ħuh iż-żgħir marad ukoll.
Ramiro qal li “Ovvjament mhux ħa tifhem l-uġigħ li jkun għaddej minnu, imma li tarah bit-tbissima u tipprova tikkuntentah f’kollox, tgħallem ħafna.”
Illum Ramiro huwa żagħżugħ b’saħħtu li qed jaħdem biex jgħin lil ħaddieħor.
Ħames snin ilu waqqaf l-għaqda Ramiro and Friends, li torganizza attivitajiet biex tiġbor fondi għal għaqdiet mhux governattivi u pazjenti bil-kanċer.
Dan hekk kif daq it-tbatija li ġġib magħha marda, speċjalment fuq il-familja, hekk kif ma kellux ċans igawdi kemm xtaq lill-ġenituri tiegħu u lil ħutu.
Minkejja dan stqarr li f’Puttinu sab familja oħra, u qalilna hekk meta staqsejnih x’kien is-sehem ta’ Puttinu fil-vjaġġ tiegħu.
Spjega kif “Is-sehem jidher fija għax mingħajrhom kieku minix hawn.”
F’messaġġ skjett iżda li jagħmel ħafna sens, Ramiro kellu dan il-messaġġ: Int min int tista’ tkun t’għajnuna għal ta’ madwarek.
U filfatt huwa għalhekk li se jkun qed jagħti sehmu fil-Maratona ta’ sittin siegħa futbol u volleyball ta’ Puttinu.
Mallia qal li “Nibqa’ mmur għax l-unika ħaġa li nista’ noffri lura u l-preżenza tagħna hija ħafna għax dawn in-nies iħarsu lejn dawk in-nies li jagħtuhom donazzjoni wkoll hija ħaġa kbira u l-Maltin għandhom qalbhom vera kbira.”
Il-Maratona ta’ Puttinu se ssir bejn it-tlettax u l-ħmistax ta’ Settembru fil-Marsa Sports Ground.