Żagħżugħ ta’ 17-il sena, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, inżamm arrestat, wara li nhar it-Tnejn instab mill-Pulizija, waqt rejd li sar fil-Marsa, fejn ġew elevati diversi pakketti ta’ drogi, lesti għat-traffikar.
Huwa nstab mill-iskawdra tad-Droga, fir-remissi, għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħaxija.
Fil-fatt, crew ta’ ONE News, kien preżenti fuq il-post, waqt dawn l-ispezzjonijiet fil-Marsa.
Il-Pulizija, b’mandat ta’ tfittxija u arrest, il-Pulizija daħlu fil-post fejn kienu qed jiġu ppakkjati u traffikati d-drogi.
Instabu pakketti tal-kokaina, eroina, raża tal-kannabis u forma sintetika tal-kannabis.
L-Erbgħa, iż-żgħażugħ, qal li huwa m’għandux impjieg, filwaqt li wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
L-ammont ta’ drogi misjuba, jidher li ma kinitx għal skop ta’ użu personali.
L-akkużi kienu aggravati aktar bil-fatt li instabu fil-viċin ta’ post iffrekwentat miż-żgħażagħ.
Kamera tas-sigurtà li kien hemm, kienet turi biss in-naħa ta’ barra tar-remissi, filwaqt li ebda filmati ma ġew irrekordjati.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi, ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest, hekk kif il-każ għadu fi stadju bikri filwaqt li l-inkjesta maġisterjali għadha għaddejja.
Barra minn hekk, hemm id-dubju wkoll ta’ intralċ tal-provi, u dubju jekk l-akkużat isegwix il-kundizzjonijiet imposti fuqu.
Intant, huwa qed jinżamm fil-faċilità YOURS, fl-Imtaħleb.