Żagħżugħ ta’ 17-il sena ndarab gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku bil-mutur.
Il-każ seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija fi Triq il-Ħobbejza, r-Rabat.
Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li seħħet ħabta bejn karozza Toyota Starlet misjuqa minn raġel ta’ 32 sena, minn Ħad-Dingli u mutur Kentoya, li kien qed jinstaq minn ġuvni ta’ 17-il sena mir-Rabat.
B’konsegwenza tal-impatt karozza Mercedes li kienet ipparkjata kellha xi ħsarat.
Tim mediku ta l-assistenza u ambulanza ħadet lill-ġuvni ta’ 17-il sena l-Isptar Mater Dei għal kura. Aktar tard, huwa ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.