Żagħżugħ ta’ sittax-il sena tressaq il-Qorti mixli b’akkużi ta’ vjolenza domestika fuq missieru.
F’awla numru tnejn, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Omar Zammit spjegat kif il-każ seħħ fil-ħamsa ta’ Ġunju, meta l-Pulizija fl-għassa taż-Żejtun ġew infurmati b’argument bejn missier u iben.
Il-Pulizija sabu lill-missier viżibbilment bi ġrieħi ġo wiċċu, li dehru gravi, li qalilhom li kellu argument mat-tifel fuq speaker u ħebb għalih. It-tifel ma’ kienx fuq il-post u l-missier qal lill-Pulizija li ħarab.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li t-tifel ibati minn kundizzjonijiet tas-saħħa mentali u jieħu xi pilloli.
L-Ispettur kompla jispjega kif l-għada, omm iż-żagħżugħ ħaditu l-isptar għall-kura, iżda t-tobba ddikjaraw li m’għandux bżonn kura.
L-omm qalet lill-Pulizija li t-tifel qalilha li jekk jiddaħħal għall-kura, jaħrab, għaldaqstant inħareġ mandat t’arrest.
Iż-żagħżugħ wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u f’dan l-istadju, ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, tat ordni temporanja ta’ superviżjoni u ordnat li jiġi uffiċjal tal-probation biex isegwi liż-żagħżugħ.
Il-Maġistrat qalet liż-żagħżugħ li postu mhux il-Qorti, u ħeġġietu biex ikun miftuħ li jirċievi l-għajnuna ħalli dawn l-affarijiet ma jerġgħux jirrepetu ruħhom.
Il-Qorti ġibdet l-attenzjoni tad-Direttur tal-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi li l-imputat għandu sittax-il sena u għandu jiġi kkunsidrat biex jinżamm fil-Faċilità YOURS.