Żagħżugħ ta’ ħmistax-il sena u li joqgħod Wied il-Għajn tressaq il-Qorti akkużat bi 8 reati ta’ serq aggravat minn residenzi fl-istess lokalità fejn joqgħod.
It-tifel kalm kalm u daħkan fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Meta ġie mistoqsi mill-Maġistrat għaliex ma jattendix l-iskola it-tifel wieġeb li l-iskola ma bagħtitx għalih. Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Oriana Spiteri u Mario Xiberras żiedet tispjega li minn l-investigazzjonijiet li saru t-tifel tkeċċa mill-iskola.
Dr. Graziella Tanti li deheret għall-akkużat bħala l-Avukat għall-Għajnuna Legali talbet li jsir social inquiry report, li ġiet milqugħa mill-Qorti u talbet ukoll għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tal-ħelsien mill-arrest hekk kif għad hemm il-biża’ li l-imputat jista’ jistaħba filwaqt li għad hemm xhieda li jridu jixhdu.
Madankollu l-Qorti laqgħet it-talba u ordnat li żagħżugħ ma jsifirx u li ma javviċinax lix-xhieda tal-Prosekuzzjoni. Il-Qorti ordnatlu wkoll jirraporta l-għassa ta’ Ħaż Żabbar kull nhar ta’ Tnejn bejn it-tmienja ta’ filgħodu u tmienja ta’ filgħaxija, li ma jbiddilx l-indirizz tad-dar u li jinġabar f’daru sat-8:00 ta’ filgħaxija u ma joħroġx qabel is-6:00 ta’ filgħodu.
Il-Maġistrat ordnat li jitpoġġa taħt Ordni ta’ Protezzjoni u ta’ superviżjoni.
Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ 2,000 ewro.