Martin Antevski ta’ 23 sena mill-Maċedonja li kien jinsab fuq il-lista ta’ persuni mfittxija mill-pulizija dwar każ ta’ stupru ġie interċettat u arrestat fuq katamaran li kien se jitlaq lejn Sqallija.
Iż-żagħżugħ wieġeb mhux ħati li x-xahar li għadda pprova jistupra tfajla Maltija ta’ 22 sena.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Claton Camillieri qalet li l-akkużat kien ilu biss f’impjieg erbat ijiem u ma kienx irreġistrat mal-awtoritajiet. Żied jgħid li, Antevski huwa missier ta’ tarbija ta’ seba’ xhur li kienet tgħix barra, ġie arrestat fuq il-katamaran u ma kellu l-ebda rabtiet ma’ Malta fejn kien ilu jgħix għal xahar.
Il-Qorti ma laqgħetx it-talba tad-difiża biex l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest wara li qieset il-fatt li l-akkużat ftit li xejn wera rispett lejn il-liġi Maltija.