Żagħżugħ Sirjan ta’ 23 sena, li ismu ma jistax jixandar fuq ordni tal-Qorti, ammetta akkużi b’rabta ma’ tixrid ta’ materjal estremista fuq l-internet.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa Lara Lanfranco, illejla fetħet b’urġenza sabiex tisma’ dan il-każ, bil-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur JeanPaul Attard, spjegat kif il-Pulizija bdiet b’sorveljanza fuqu f’Settembru tas-sena l-oħra.
Hawn ġie spjegat kif huwa beda jxerred materjal estremista fuq Instagram.
Materjal, li fix-xhieda tal-Ispettur Attard, beda jiżdied minn Diċembru, fejn saħansitra, l-akkużat tella’ ritratt b’xabla imdaqsa f’idu.
L-Ispettur spjega li kien hawn li nħareġ mandat ta’ arrest fuq iż-żagħżugħ.
Dan sar permezz ta’ operazzjoni fil-Marsa, ilbieraħ filgħodu, f’ħidma li kienet immexxija mill-Iskwadra ta’ Kontra t-Terroriżmu, mgħejjuna mill-Ispecial Intervention Unit.
L-Ispettur kompla jixhed li malli nduna bil-preżenza tal-Pulizija, iż-żagħżugħ tela’ fuq il-bejt u qabeż madwar żewġ sulari sabiex jaħrab, madankollu huwa kien arrestat mill-ewwel.
Minn hemm is-Sirjan inżamm arrestat fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana.
Is-sentenza se tkun qed tingħata fil-ġimgħat li ġejjin
Sadanittant, fl-istess operazzjoni l-Pulizija għamlet tfittxijiet b’rabta mal-immigrazzjoni rregolari u rriżulta li disa’ rġiel oħra kienu qegħdin jrrisjedu f’Malta b’mod irregolari.
L-irġiel ta’ nazzjonalità Sirjana ttieħdu f’ċentru ta’ detenzjoni, u se jkunu ritornati fil-pajjiż tal-oriġinu tagħhom jew fil-pajjiż li għandhom permess jirrisjedu fih.