Żagħżugħ ta’ dsatax-il sena minn San Pawl il-Baħar, li kien passiġġier f’karozza, qed isofri minn ġrieħi serji wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fil-Mosta.
L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ disgħa tal-bieraħ filgħaxija fi Triq Valletta.
Minn investigazzjoni preliminari rriżulta li żagħżugħ ta’ dsatax-il sena mill-Mosta tilef il-kontroll tal-karozza tal-għamla Toyota Corolla li kien qed isuq, bil-konsegwenza li ħabat ma’ karozza tal-għamla Smart, li kienet qed tinstaq minn mara ta’ tmienja u tletin sena minn Ħ’Attard.
Iż-żagħżugħ li ġarrab ġrieħi serji kien passiġġier fil-karozza Toyota.
It-tliet persuni ingħataw l-ewwel għajnuna minn tim mediku assistiti minn membri tal-Protezzjoni Ċivili.
Huma ttieħdu l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.
Iż-żewġ sewwieqa ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi.
Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Leonard Caruana li ħatar inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.