Il-Premju Żagħżugħ tas-Sena 2016 organizzat mill-Moviment Kerŷgma din is-sena intrebaħ minn James Borg Cumbo minn San Gwann. Ir-rebbieħ tal-premju, li huwa sponsorjat minn APS Bank, ġie mħabbar mill-President tal-Moviment Kerŷgma, is-Sinjura Bernice Micallef. Ingħata wkoll Ċertifikat ta’ Rikonoxximent Speċjali lil Sara Portelli minn Birkirkara għax-xogħol volontarju li wettqet favur il-kultura tal-ħajja speċjalment għal dawk li m’għandomx vuċi kif ukoll għal ħidma tagħha fi ħdan il-Komunità Franġiskana.
Il-preżentazzjoni tat-trofew saret mill-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, fi tmiem ta’ quddiesa li saret fil-Knisja ta’ San Duminku r-Rabat, il-Ġimgħa, 3 ta’ Frar 2017. Preżenti wkoll għal din iċ-ċerimonja kien hemm ir-raġel tal-President is-Sur Edgar Preca, il-Prof. Emanuel P. Delia, Ċermen tal-APS Bank li sponsorjaw l-okkażżjoni u s-Sinjura Bernice Micallef, President tal-Moviment Kerŷgma, Dr George Hyzler Ċerman tal-Board tal-Għażla u mistednin oħra.
James Borg Cumbo huwa żgħażugħ ta’ 25 sena minn San Gwann jaħdem ma’ kumpanija tal-insurance. Fl-2012, James mar ma’ sħabu għal youth exchange ġewwa l-Fillandja. Hawn il-parteċipanti kienu mħeġġa jirriflettu fuq ir-realtajiet tal-ħajja li hinn minn xtutna u għalhekk tkebbset ġewwa fihom il-ħajra li jagħmlu esperjenza missjunarja. Minn hawn nibtet l-idea ta’ Karibu! Malta (Karibu tfisser Merħba bis-Swahili).
James kien involut f’dan il-proġett biex iħajru żgħażagħ imorru l-Kenja taħt skema tal-Youth in Action iżda l-applikazzjoni għal fondi ma ġietx milquha. Iż-żgħażagħ li kienu nteressati jagħmlu din l-esperjenza għalhekk iddeċidew li ma kienx hemm triq oħra ħlief li jmorru xorta waħda u jħallsu l-flus min buthom. James dak iż-żmien kien segretarju tal-grupp u kien responsabbli għal ġbir tar-rekords lokali kif ukoll fl-ippjanar tal-attivitajiet għat-tfal fil-Kenja. Għamlu kuntatt mal-Arċisqof Emanuel Barbara fil-Kenja, u f’Awwissu tal-2013 il-grupp mar f’dan il-pajjiż u minn hawn bdew l-esperjenzi ta’ Karibu! Malta. Għamlu xogħol ta’ manteniment ġenerali, attivitajiet mat-tfal u ssoċjalizzaw man-nies lokali tal-Malindi u xi villaġġi oħra fil-viċin. Fl-istess ħin raw x’proġetti setgħu jagħmlu għall-futur. Hawn James tkellem mat-tfal biex jara kif kienu jħossuhom u verament x’jixtiequ. Ra d-differenza bejn dak li jkunu jridu tfal Maltin u dawk tal-Kenja li xtaqu affarijiet bażiċi tal-ħajja.
Il-grupp kien tant maħkum mill-impatt ta’ din l-esperjenza speċjalment meta rritornaw għal kumditajiet ta’ djarhom, li ddeċidew li din żgur ma kienitx se tkun esperjenza ta’ darba biss u għalhekk waqqfu kumitat apposta, b’James jinħatar President. Huwa kien responsabbli li jfassal pjan ta’ attivitajiet matul is-sena kollha għal ġbir ta’ flus u kif l-aħjar li jintefqu. Inħolqu esperjenzi ta’ team-building għall-parteċipanti, ippjanaw il-mawra tal-2014 u l-komunikazzjoni kontinwa ma’ l-Arċisqof Barbara. Din id-darba marru Ruiru u James u l-voluntiera l-oħra qagħdu għand is-sorijiet tal-Qalb ta’ Ġesù. Hawn it-tfal kienu jiġu kuljum kif ukoll in-nies tat-triq. Il-grupp Malti kien jgħin fit-tisjir u tqassim tal-ikel u l-finanzjament tiegħu. Għat tfal din id-dar kienet l-unika speranza għalihom. Karibu! Malta ffinanzjat ukoll kċina ġdida sabiex it-tfal setgħu wkoll jitgħallmu jsajru. Apparti minn hekk sar xogħol ta’ tqejid ta’ madum fil-knisja tal-viċin. Sar ukoll ristrutturar tal-iskola St. Theresa Nuzzo.
Fl-2015 u fl-2016 ix-xogħol kien ikkonċentrat ġewwa Kipangajeni, villaġġ li jinsab fil-periferija ta’ Malindi. Ġiet mibnija u ffinanzjata wkoll l-ewwel binja magħmula mill-ġebel li tintuża bħala kappella, kif ukoll għal attivitajiet varji bħal edukazzjoni għan-nisa, skola għat-tfal żgħar u post fejn jiltaqgħu r-residenti tal-villaġġ. Bnewlhom ukoll l-ewwel toilet pubbliku.
Fl-2016 tkompla dan il-proġett billi żiedu 2 kmamar li se jintużaw bħala klassijiet u 2 kmamar iżgħar bħala uffiċini għal-għalliema. Saru wkoll żewġ toilets oħra pubbliċi kif ukoll bnew kanal madwar is-sala ħalli jkollhom aċċess għal ilma nadif mix-xita.
James s’issa mar il-Kenja erbgħa snin wara xulxin u qed jippana oħra għal-Lulju 2017. Din id-darba se jinbeda proġett ta’ 3 snin ġewwa Mbaoni, villaġġ ieħor l-barra ħafna miċ-ċentru ta’ Malindi u li għalhekk ir-riżorsi tiegħu huma ħafna limitati. Karibu! Malta diġà introduċa ruħu magħhom bil-bini ta’ bore-hole. L-iskola trid tinbena mill-ġdid peress li dik li għandhom hija magħmula minn zkuk iddeterjorati u m’għandomx bankijiet għat-tfal li jogħqodu bilqegħda fl-art. Peress li l-villaġġ huwa kbir, hemm bżonn ta’ 11-il klassi, 3 uffiċini amministrattivi u 5 toilet pits. Ir-residenti jixtiequ wkoll knisja li tintuża wkoll bħal post fejn jiltaqgħu bħala komunità kif ukoll isservi għall-edukazzjoni tan-nisa. L-ispiża ta’ dan il-proġett kollu hija stmata li tlaħħaq għal €90,000.
Ir-rwol ta’ James bħala president huwa li bl-għajnuna tal-membri l-oħra, l-ewwel jagħżlu voluntiera addatati għax-xogħol u li jkunu kapaċi jaħdmu bħala tim. Wara jorganizzalhom laqgħat regolari biex jippreparawhom sewwa għal dak li se jsibu fil-Kenja u x’ikun mistenni minnhom. Fl-istess ħin James jibda jinnegozja għal-aħjar prezzijiet tal-ivjaġġar u biex ikunu jistgħu jtellgħu kemm jista’ jkun bagalji biex jimlewhom bil-ħwejjeġ għat-tfal. Jibdew ukoll l-attivitajiet għal ġbir ta’ flus għall-proġetti, normalment waħda kull xahar. James jikkuntattja nies biex iġib sponsorships, japplika għall-permessi neċessarji u jqassam ix-xogħol lil-parteċipanti biex jintlaħqu l-aspettattivi tagħhom biex kulħadd iħossu parti mill-proġett, u fl-stess ħin jara li x-xogħol isir kollu. Iżomm ukoll kuntatt kontinwu mal-Malindi biex jara li kollox għadu għaddej sew u li l-Arċisqof tal-Malindi u l-assistenti tiegħu qed jieħdu ħsieb il-permessi neċessarji. Lokalment jagħmel kuntatti mad-dipartiment tas-Saħħa biex il-parteċipanti jieħdu t-tilqim neċessarju u fl-istess ħin iżomm rekords ta’ xi kundizzjonijiet ta’ saħħa speċjali tal-parteċipanti biex jiżgura s-saħħa tagħhom waqt l-esperjenza.
Il-proġett ġewwa Mboani huwa bla dubju l-akbar proġett li qatt daħlu għalih Karibu! Malta u James għandu fiduċja li bis-sapport kontinwu tal-ġenerożità tal-Maltin flimkien max-xogħol tal-grupp, jirnexxielhom jagħmluh u minn hemm ikomplu jħarsu l-quddiem.
Iż-żgħażagħ nominati għal dan il-Premju kienu: James Borg Cumbo minn San Gwann, Alan Joseph Buhagiar minn Haż-Żabbar, Fabio Cini miż-Żebbuġ Għawdex, Sarah Magro mill-Birgu, Mellieha Youth u Sara Portelli minn Birkirkara.
Dan it-trofew jingħata kull sena f’ġieħ il-mejjet Dr Rudolph Saliba li kien l-ewwel president tal-Moviment Kerŷgma. L-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca ferħet lill-rebbieħ u lill-finalisti l-oħra u l-Moviment Kerygma għall-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment annwali fejn jesponu il-ħidma volontarja ta’ tant żgħażagħ. Hija qalet li x-xogħol li wettqu dawn iż-żgħażagħ u ħafna oħra, jagħtuha inkoraġġiment u fiduċja fis-socjeta’ Maltija u hemm bżonn li dawn iż-żgħażagħ ikomplu ikaxkru żgħażagħ oħra biex ikomplu ikabbru l-ġid li qed jagħmlu kemm f’Malta u f’pajjiżi oħra speċjalment fl-Afrika. Hija sejjħet dawn iż-żgħażagħ bħala l-peace builders tal-komunita’ tagħna u kienu qed jagħtu lezzjoni li dawk in-nies li qed jinqdew bil-biża biex imexxu messaġġi skorretti ta’ biża fil-konfront ta’ nies li għandhom bżonn ir-rispett u dinjita’. Ma jistax ikollna tensjonijiet soċjali għax dawn qegħdin hawn. Dawn il-Maltin huma nies li għalkemm ma jiddejjqux idaħħlu idejhom fil-but biex jgħinu l-missjoni, meta jaraw xi ħadd minn dawn in-nies, jarawh bħal xi ħadd ta’ barra minn hawn. Għalhekk hemm bżonn li jkun hemm xi ħadd li jwassal il-verita’ ta’ dawn is-sitwazzjonijiet ta’ ħlejjaq t’Alla li qed jaħarbu minn gwerrer, faqar u ġuħ u jingħataw rispett, dinjita’ u l-id tal-ħbiberija li dawn iż-żgħażagħ b’qalb imfawwra b’imħabba u solidarjeta’ kienu qed jagħtu. Għalhekk irringrazzjathom u qalet li hi kburija biex xogħol li kienu qed jagħmlu bħala peace-builders u ħeġġithom iwasslu messaġġi ta’ din il-verita’ fl-ambjent lokali.