Humair Yaqoob, żagħżugħ ta’ 22 sena mill-Pakistan inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli bi stupru fuq tfajla ta’ 15-il sena.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-Ħadd daħal rapport fl-għassa ta’ San Ġiljan, dwar każ ta’ allegat stupru fuq tfajla li ġiet mill-Iżvizzera sabiex tistudja l-Ingliż f’pajjiżna,
Intqal li l-każ seħħ nhar is-Sibt filgħaxija f’Paceville, meta allegatament iltaqgħu ġo bar u wara marru f’post għal kwiet bejn Pembroke u San Ġiljan.
Allegatament huma bdew jitbewsu u ż-żagħżugħ ippenetra ġot-tfajla, mingħajr ir-rieda tagħha.
L-akkużat ġie arrestat ftit wara fuq is-sit, hekk kif sħab it-tfajla segwew lill-akkużat.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, iżda din ġiet miċħuda mill-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Victor Axiak.
Iż-żagħżugħ wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.