L-Erbgħa waranofshinar fil-Knisja ta’ San Ġiljan ingħatat l-aħħar tislima lil Ismael Grima.
Iż-żagħżugħ ta’ wieħed u għoxrin sena li tilef ħajtu traġikament f’inċident tat-traffiku f’Ħal Luqa kmieni s-Sibt filgħodu.
Iż-żagħżugħ, li miegħu kellu tfajla ta’ dsatax-il sena, tilef il-kontroll tal-vettura li kien qed isuq, ħabat ma’ ċint u spiċċa ġo għalqa.
F’post fuq Facebook fil-jum tal-funeral, Ommu Mary b’ritratt ta’ binha mgħannaq magħha kitbet “Inħobbok għal dejjem, bla tmiem.”
Għaċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja attendew għexieren ta’ żgħażagħ li lkoll fakkru l-memorji sbieħ li kellhom ma’ Ismael.
Waqt l-omelija, il-Patri Dumnikan Michael Camilleri kellu kliem pożittiv fuq iż-żagħżugħ, u qal li filwaqt li għal Ismael intemm il-kapitlu tal-ħajja fuq din id-dinja, issa huwa beda kapitlu ieħor fid-dinja eterna.
Qal kif, “Ismael issa l-kapitlu tal-ħajja tiegħu fuq l-art huwa jispiċċa, imma issa nfetaħ kapitlu ġdid, kapitlu li ma jagħlaq qatt fil-ħajja ta’ dejjem. Ejjew nemmnu li Ġesù huwa ħaj u li Ismael mgħannaq ma’ Ġesù.”
Omm Ismael, imbikkma li tilfet lil binha ħabta u sabta, kienet imdawwra b’familtha u l-erba’ wlied l-oħra nisa, Ruth, Christine, Tania u Bernice.
L-imħabba li bosta kellhom għaż-żagħżugħ kienet ukoll evidenti fil-baħar ta’ fjuri li tpoġġew madwar it-tebut.
Il-knisja kienet mimlija sa ruħ ommha, fejn fuq barra wkoll kien miżgħud bin-nies.
Fi tmiem il-funeral, it-tebut b’Ismael intlaqa’ b’ċapċip kbir u bil-kanzunetta marbuta mat-tim favorit tiegħu, ta’ Liverpool.
Intant, fuq is-santa tal-mewt spikkat ukoll poeżija f’forma ta’ messaġġ minn Ismael innifsu:
Fit-talb tagħkom ftakru fiha
Jien iz-Zy l-għażiż tagħkom
Li għalkemm se nkun fis-sema
Ser nibqa’ dejjem magħkom. Inħobbkom għal dejjem.