Skont iz-zokk il-fergħa, u dan il-qawl ma jistax japplikah aħjar Rocco Gauci, student tal-Alternative Learning Programme li minkejja d-diżabbilta fiżika xorta qed jimmira li jsegwi l-passi ta’ qrabatu.
Iltqajna mal-istudent waqt waħda mis-sessjonijiet fil-kċina ta’ din l-iskola f’Raħal Ġdid u spjegalna kif permezz tat-tisjir huwa qed ikollu l-opportunità li jesperimenta b’dak li jħobb l-aktar.
Rocco qal li “In-nannu tiegħi kien kok, ħija kok allura qiegħda fil-familja u nħobb ħafna nsajjar ukoll. Jiena nħobb ħafna l-ħelu u nħobb ħafna ħelu għax il-ħaġa hija artistika, tkun tista’ tilgħab bil-kuluri u tiddisinja.”
Mistoqsi dwar jekk id-diżabbilta li għandu twaqqfux milli jkompli jfittex dak li jixtieq, Rocco kien skjett iwieġeb li d-diżabbiltà tiegħu qed jgħelibha.
Spjega kif “Qed nipprova negħlibha u qed negħlibha, ma tagħmillix differenza”
L-għalliema tiegħu li qed tmexxi l-kors tal-Ospitalità ta’ din l-iskola qalet li minkejja d-diżabbiltà li għandu, fil-kċina Rocco huwa bniedem komplut.
Grima qalet li “Meta inti qed tara lir-rocco qed bħala bniedem komplut u d-diżabbilità li qiegħdha hemhekk ma tidhirx u ma tinħassx”
Din l-għalliema spjegat ukoll kif dan il-programm speċjalizzat qed jagħti opportunità u ċans ieħor lil mijiet ta’ studenti li ma jkunux sejrin tajjeb fl-iskejjel mainstream.
Spjegat kif “Jiġifieri qegħdin noffru ċans lil studenti li jixtiequ jkompli jżidu l-ħiliet tagħhom f’dawn is-suġġetti varji u minn hawekk nippreparawhom għad-dinja tax-xogħol ukoll nippreparawhom biex jistgħu ikomplu anzi studji tagħhom u jilħqu anki gradi aktar għoljin fi studju u akkademja.”