Żagħżugħ ta’ sbatax-il sena li jinsab akkużat li weġġa’ uffiċjal tal-Pulizija li qabdu jsuq, tella’ filmat tiegħu nnifsu jsuq karozza bil-lejl b’mowbajl f’idejh, lejl qabel seħħ il-każ.
Dan ħareġ hekk kif iż-żagħżugħ tressaq quddiem il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil, jaffaċċja għaxar atti ta’ akkużi.
Fost l-oħrajn, iż-żagħżugħ ġie mixli li rreżista bi vjolenza uffiċjal tal-Pulizija, li insultah u weġġgħu ħafif, li m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija, u li saq bla liċenzja u b’mod perikoluż. Huwa ġie akkużat ukoll li ta dettalji ħżiena lill-Pulizija.
Il-Qorti ordnat li ismu ma jixxandarx minħabba l-età tiegħu.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li t-Tlieta filgħaxija, uffiċjal tal-Pulizija li kien qed imexxi t-traffiku fil-Floriana, innota karozza li kienet qed tinstaq minn ġuvni taħt l-età u ordnalu biex jitfa’ mal-ġenb.
Meta talbu karta tal-identità, is-sewwieq tah liċenzja skaduta ta’ xi ħaddieħor.
Dak il-ħin, l-uffiċjal għaraf lill-akkużat li kien twaqqaf darb oħra għall-istess reat, u ordnalu joħroġ mill-karozza.
Iżda minflok ma obda l-ordni, ix-xufier għafas il-gass u saq, bil-konsegwenza li laqat lill-uffiċjal u ġarru miegħu għal distanza qasira.
Immedjatament bdiet tfittxija għaż-żagħżugħ, inkluż fid-dar fejn jgħix, fir-residenza tal-ġenituri tiegħu u anki tat-tfajla tiegħu, iżda ma nstabx. Aktar tard filgħaxija ta ruħu b’idejh lill-Pulizija, u l-karozza nstabet fil-Pietà mill-Pulizija.
Iż-żagħżugħ wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Minkejja li ġie rrimarkat li l-isfond problematiku taż-żagħżugħ aktarx wassal għall-imġiba tiegħu, il-Prosekuzzjoni qalet li li jkun perikoluż għas-sigurtà pubblika jekk jinħeles mill-arrest.
Il-Maġistrat ordnat li ż-żagħżugħ jinżamm arrestat fil-faċilità operata mill-Young Offenders Rehabilitation Services, u rrakkomandat lid-direttur tal-ħabs biex jassigura li ż-żagħżugħ jingħata kull assistenza medika li jeħtieġ, inkluż assistenza psikoloġika.
Il-Qorti imponiet ukoll ordni ta’ superviżjoni proviżorja fuq iż-żagħżugħ u ħeġġet lill-Prosekuzzjoni biex tressaq ix-xhieda kemm jista’ jkun malajr.