Żagħugħ li tressaq il-Qorti akkużat li kiser diversi drabi l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, beda jisgħol fl-awla u qal li għandu riħ f’sidru.
Simon Leyton Rachid, ta’ tnejn u għoxrin sena li joqgħod il-Belt, wieġeb mhux ħati li kiser tliet kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti, u ordni ta’ probation li ngħatatlu f’Ġunju tas-sena l-oħra.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Lydon Zammit, spjegat kif fl-aħħar ġimgħat, l-akkużat ma ffirmax fl-għassa u ma deherx fis-seduti tal-Qorti li kellu skedati.
Iż-żagħżugħ qal li kien qed isofri minn riħ li baqa’ nieżel f’sidru u telaq mid-dar biss biex imur għand it-tabib.
Huwa nsista li mar għand tabib darbtejn il-Belt stess, u anki indika t-triq fejn hemm il-klinika. Madanakollu, ma setax jiftakar x’jismu t-tabib.
Meta jumejn ilu ħabbtulu l-bieb il-Pulizija, ħadd ma fetaħ.
Iż-żagħżugħ kellimhom aktar tard fuq it-telefon u qalilhom li kien l-Isptar Mater Dei, mingħajr ma qalilhom fejn jinsab eżatt, u qata’ t-telefon malli l-ispettur staqsieh għall-isem tas-sala fejn jinsab.