Żagħżugħ jinsab rikoverat l-isptar Mater Dei wara li ndarab f’hit and run f’Raħal Ġdid, b’raġel qed ikun miżmum arrestat b’rabta ma’ dan il-każ.
Kien għall-ħabta tas-14:30 fi Triq Duminku Mintoff f’Raħal Ġdid meta ż-żagħżugħ ta’ 21 sena mir-Rabat safa’ milqut minn vettura tat-tip Mercedes misjuqa minn raġel ta’ 27 sena residenti l-Isla, bix-xufier jaħrab minn fuq il-post wara l-inċident.
Kien għalekk li l-Pulizija mid-Distrett kif ukoll mis-sezzjoni tar-Rapid Intervention Unit għamlu tfittxija intensiva għall-vettura flimkien max-xufier fejn fi ftit ħin waqqfu l-vettura u arrestaw lix-xufier tagħha.
Fuq il-post issejħet ambulanza fejn ħadet liż-żagħżugħ l-isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa fejn il-kundizzjoni tiegħu għadha mhix magħrufa.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet.