Kolombjan ta’ 24 sena minn San Pawl il-Baħar tilef ħajtu traġikament wara li waqa’ minn binja biswit marina, fi Vjal Portamoso.
L-inċident seħħ il-Ġimgħa filgħodu għall-ħabta tas-sitta u kwart fejn il-pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha.
Mill-investigazzjoni preliminari li saret irriżulta li aktar kmieni, ħaddiem li kien f’binja fil-qrib lemaħ persuna tixxabat ma’ xi binjiet fil-viċin u wara taqbeż fil-ħaxix.
Ftit tal-ħin wara uffiċjal tas-sigurtà li mar jiċċekja ż-żona sema’ persuna qed tokrob bl-uġiegħ u minnufih ċempel għall-assistenza.
Tim mediku u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili taw l-assistenza fuq il-post u r-raġel, ittieħed l-Isptar Mater Dei permezz t’ambulanza fejn ġie ċċertifikat bi ġrieħi serji.
Aktar tard mal-ġurnata il-Pulizija ġiet infurmata mill-Awtoritajiet tas-Saħħa li sfortunatament ir-raġel tilef ħajtu.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Joseph Mifsud ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.