Justin Mallia ta’ 25 sena li jgħix Bormla nżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara li tressaq il-Qorti, it-Tlieta filgħodu, mixli li seraq żewġ midalji storiċi li jiswew €400,000. Midalji storiċi li jmorru lura aktar minn mitejn sena.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li t-Tnejn għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar, daħal rapport lill-Pulizija li kien hemm serqa ta’ żewġ midalji storiċi minn ġewwa l-Mużew Marittimu fil-Birgu.
Ġie spjegat li l-akkużat ġie identifikat mill-ewwel, hekk kif il-Pulizija elevaw il-filmati minn kameras tas-sigurtà. Hu kien diġà magħruf mal-Pulizija hekk kif kien ġie arrestat xahrejn ilu.
ONE News jinsab infurmat li l-investiment fuq dawn il-kameras saru fl-aħħar xhur u għenu biex il-Pulizija ssolvi dan il-każ f’ħin qasir.
Intqal li hu għamilha ta’ bir-ruħu li hu ħaddiem, billu uża isem falz u daħal fil-mużew.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li ż-żagħżugħ ġie arrestat fil-post tat-tfajla tiegħu, f’Santa Luċija. Dan wara li l-Pulizija marru jfittxuh fir-residenza fejn jgħix, iżda ma sabuhx hemmhekk.
Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea ntqal ukoll li ż-żagħżugħ kkopera mal-Pulizija u minnufih ħareġ il-midalji li allegatament seraq minn ġo pouch.
Għall-ewwel, Mallia, li qal li m’għandux xogħol, ammetta li seraqhom biex iħallas il-kundizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor.
Hawnhekk il-Maġistrat Galea spjegat li jista’ jeħel sa 8 snin ħabs, biddel fehmtu u wieġeb mhux ħati.
Id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest u nżamm arrestat.
Preżenti fl-awla kien hemm il-kuratur tal-Mużew Marittimu, Liam Gauci.
Intant, fi stqarrija Heritage Malta spjegat li wara s-serqa ta’ dawn il-midalji, l-uffiċjali tal-mużew ħadu azzjoni immedjata u minħabba l-investiment qawwi li sar fis-sistemi ta’ sigurtà tal-mużew ippermettew li l-allegat ħalliel inqabad ftit tal-ħin wara.
Intqal kif dawn il-midalji storiċi ngħataw bejn l-1800 u l-1801 lill-mexxejja u membri distinti tal-battaljuni tal-Kungress Nazzjonali li ġġieldu biex illiberaw lil Malta mill-Franċiżi. Dawn il-midalji huma rari ħafna u għalhekk prezzjużi, l-iżjed minħabba l-importanza storika tagħhom għall-istorja ta’ pajjiżna.
Sadanittant, dwar dan il-każ ikkummenta fuq il-midja soċjali, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Kultura, Owen Bonnici.
Il-Ministru Bonnici qal li dawn iż-żewġ muniti storiċi ngħataw mill-ġdid lill-Mużew Marittimu. Hawnhekk Dr Bonnici rringrazzja lill-Pulizija u l-ħaddiema ta’ Heritage Malta li huwa responsabbli mis-sigurtà għas-sistema effikaċi, li wasslet biex il-persuna allegatament responsabbli tinstab f’temp qasir.