Żagħżugħ ta’ erbgħa u għoxrin sena weħel seba’ xhur ħabs wara li nqabad b’mobile li kien irrappurtat misruq minn sagristija fil-Ħamrun ftit jiem qabel.
Omar Emara nqabad wara tfittixja li saritlu mill-Pulizija meta allegatament kien qed igara l-ġebel minn fuq is-swar tal-Belt.
Il-mobile misruq kellu vallur ta’ tliet mitt ewro, u nsteraq mingħand il-voluntiera Mary Grace Vella fil-knisja tad-Duluri tal-Ħamrun waqt li kienet qed issaqqi l-ġulbiena.
Is-saċerdot Timon Mercieca xehed li kien xtara l-mobile għalih u tah lill-voluntiera bħala apprezzament tax-xogħol li tagħmel fil-parroċċa.
L-akkużat qal li kien xtara l-mowbajl minn fuq l-idejn mill-Ħamrun stess, għal sebgħin ewro.
Il-Qorti tat ordni ta’ trattament lill-imputat biex jindirizza l-vizzju tad-droga sakemm jiskonta s-sentenza ta’ seba’ xhur priġunerija.