Jordan Gafá, żagħżugħ ta’ 21 sena li jgħix il-Mellieħa nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat fost oħrajn bi traffikar tad-droga.
Iż-żagħżugħ allegatament instab fil-pussess tad-droga kannabis u pilloli tal-ecstasy. B’dawn allegatament ma kinux għall-użu personali u kienu lesti biex jiġu kkonsmati.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-akkużat twaqqaf waqt li kien qed isuq fil-Mellieħa, hekk kif kien hemm suspett li kellu arma tan-nar fil-karozza.
Ma nstabet l-ebda arma fil-karozza, iżda minflok il-Pulizija allegatament sabet mitt gramma ta’ kannabis.
Il-Pulizija wettqet aktar tfittxijiet fir-residenza tal-akkużat, fejn allegatament instabu 200 gramma ta’ kannabis u anki miżien.
Intqal li allegatament fl-appartament fejn jgħix, kien hemm id-droga kannabis kullimkien, fost oħrajn ħdejn it-televiżjoni u anki fuq il-medja tal-kċina. Kien hemm ukoll numru ta’ pilloli ecstasy fil-fridge.
Iż-żagħżugħ li fil-Qorti qal ma jaħdimx, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Id-difiża talbet ukoll għall-ħelsien mill-arrest, iżda din it-talba ma ġietx milqugħa.