Ayrton Gauci, żagħżugħ ta’ 23 sena li jgħix il-Ħamrun inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti s-Sibt filgħodu, akkużat fost l-oħrajn b’pussess ta’ disgħin gramma droga suspettata kannabis.
Fil-Qorti quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Kevan Azzopardi, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-Ħamis li għadda, il-Pulizija kienet qed tagħmel ronda fi Triq Melita, fil-Belt Valletta.
Hawnhekk il-Pulizija nnotaw vettura, li bdiet tinstaq kontra d-direzzjoni tat-traffiku u twaqqfet sabiex jingħata multa.
Kien f’dak il-mument, meta x-xufier qajjem suspett lil dawn il-Pulizija, li seta’ kellu xi ħaġa illegali.
Minn tfittxija li saret, irriżulta li r-raġel kien fil-pussess ta’ madwar disgħin gramma sustanza suspettata droga kannabis, kif ukoll elfejn u tmien mitt ewro. Apparti minn hekk instabu sebat elef ewro oħra fi flus kontanti f’daru.
Gauci wieġeb mhux ħati u d-difiża talbet għall-ħelsien, hekk kif l-akkużat se jibda xogħol ġdid fi ftit tal-ġimgħat oħra.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat u qalet li minbarra li hemm persuni li għad iridu jixhdu u l-ammont ta’ flus li nstab mhuwiex ftit għal żagħżugħ ta’ 23 sena.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa Kevan Azzopardi ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u nżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.