Inżamm arrestat Jake Dalli Balzan ta’ 21 sena, li huwa ssuspettat li daru tfajla ta’ 15-il sena, barra r-residenza tagħha, fejn allegatament ingħatat daqqa ta’ sikkina.
Dalli Balzan, residenti l-Fgura, ġie arrestat wara li l-vittma, identifikatu mit-tattoo u mill-vuċi tiegħu, f’attakk, fejn is-sieħba tiegħu ta’ 13-il sena, allegatament tatha daqqa ta’ sikkina.
Il-vittma, ta’ 15-il sena, kienet qed tiġi bbuljata u mhedda qabel dan l-attakk, tant li ma kinitx qed tmur skola.
Minkejja li ma kinitx qed tattendi l-iskola, huma qalulha li xorta waħda se jpattuhielha.
Fil-fatt, tliet ijiem qabel l-inċident, hija kienet għamlet rapport mal-Pulizija, li studenta oħra ta’ 13-il sena, kienet qed titlobha l-flus, u theddida li se tagħtiha daqqa ta’ sikkina.
Fit-23 ta’ Novembru, meta t-tifla kienet ħierġa mid-dar tagħha fl-Imqabba, hija daruha sitt persuni mgħammdin – b’wieħed żamm pistola ma’ rasha, u ħamsa oħra aggredewha.
It-tifla qalet li kienet għarfet il-vuċi ta’ tfajla ta’ 13-il sena li kienet tattendi fl-istess skola tagħha, kif ukoll tal-għarus tat-tfajla, Jake Dalli Balzan. Dan filwaqt, li t-tifla ta’ 13-il sena, allegatament tatha daqqa ta’ sikkina.
Nhar is-Sibt, Dalli Balzan ġie mixli li darab b’mod ħafif lill-vittma, li attakkaha u li kien parti minn grupp, li aggredewha.
Fil-pussess ta’ Dalli Balzan, f’garaxx, instab ukoll mus tal-molla, u b’hekk ġie mixli wkoll li kellu arma pprojbita fil-pussess tiegħu.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u qal li ma jafx lit-tifla.
Id-difiża argumentat li l-Pulizija ressqu lil Dalli Balzan, hekk kif ma setgħux iressqu lis-sieħba tiegħu – li għadha taħt l-età, filwaqt li argumentaw li ż-żagħżugħ għandu impjieg u kondotta netta.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba, minħabba n-natura tar-reat, kif ukoll minħabba biżà ta’ intralċ tal-provi.
Fil-Qorti ntqal ukoll li l-persuna li żamm il-pistola ma’ ras il-vittma, qed jinżamm arrestat.