Żgħażugħ ta’ 21 sena miż-Żurrieq ingħata twissija mill-Maġistrat wara li kien akkużat li, aktar kmieni dan ix-xahar, daħal u seraq mid-dar t’ommu stess.
Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace wissiet liż-żagħżugħ li kien qed “jaħli ħajtu”, minkejja li diversi persuni pprovaw jgħinuh jagħmel l-għażliet it-tajba.
Il-Qorti semgħet kif Luke Cremona, kellu diversi każi l-Qorti, fosthom li fid-19 ta’ Ġunju li għadda daħal u għamel ħsara fil-proprjetà t’ommu f’Birżebbuġa waqt li din ma kinitx id-dar, waqt li kien hemm ordni imposta ta’ protezzjoni favur ommu.
Minbarra hekk, hu allegatament seraq xi oġġetti mill-proprjetà, kif ukoll waqt sessjoni mal-uffiċjal tal-probation l-għada, Cremona ttieħed l-għassa fil-karozza tal-uffiċjal, iżda spiċċa ħareġ lill-uffiċjal mill-karozza u telaq biha.
Cremona kien arrestat wara tfittxija tlett ijiem wara, fejn sadanittant ukoll naqas milli jattendi seduta tal-Qorti dwar każ separat.
Cremona wieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih. Għalkemm ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest, l-Avukata Francesca Zarb għall-akkużat talbet li jingħata terapija biex jindirizza l-aġir problematiku tiegħu.
Waqt li ordnat li jinżamm arrestat, il-Maġistrat Micallef Stafrace wissietu li hu kellu jkun il-futur ta’ dan il-pajjiż, u mhux il-problema.