Żagħżugħ li għandu 19-il sena u joqgħod iċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far baqa’ jinżamm arrestat meta ttella’ l-Qorti mixli b’attentat ta’ serq.
Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih li fost oħrajn jinkludu li rreżista bi vjolenza lill-pulizija, li hedded lill-istess pulizija, li m’obdiex ordnijiet tal-pulizija u talli kellu fil-pussess tiegħu ftit grammi tal-pjanta tal-kannabis.
L-avukat tal-għajnuna legali stqarr li għandu d-dubji tiegħu kemm l-imputat hu f’saħħa mentali tajba biżżejjed biex ikun jista’ jifhem il-proċeduri fil-konfront tiegħu.
Fil-fatt ġie spjegat li għal dawn l-aħħar jiem l-imputat kien qed jirċievi trattament f’Monte Karmeli.
Il-prosekuzzjoni stqarret ukoll li l-akkużat saħansitra għamel attentat ta’ suwiċidju waqt li kien qed jinżamm arrestat.
Għaldaqstant l-avukat tal-għajnuna legali mhux ser ikun qed jitlob għall-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni spjegat li r-raġel instab f’residenza għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ filgħodu wara fl-ewwel jum ta’ Frar wara li l-pulizija rċevew telefonata anonima.