Deelian Mifsud ta’ 21 sena mix-Xewkija, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti t’Għawdex akkużat li weġġa’ Somalu ta’ 27 sena billi waddbu l-baħar fl-Imġarr Għawdex.
Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Simone Grech, il-prosekuzzjoni akkużat lil Mifsud li weġġa’ ħafif lis-Somalu, li kissirlu l-mobile, li kiser il-paċi pubblika u li kiser ordni tal-Qorti imposta fuqu fl-2020.
Iż-żagħżugħ wieġeb mhux ħati għal dawn l-akkużi, filwaqt li permezz tal-Avukat Difensur talab ukoll għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Maġistrat ċaħdet din it-talba minħabba n-natura tal-akkużi, li baqa’ bosta nies li għadhom iridu jixhdu u anke minħabba li l-imputat għandu fedina penali mċappsa.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josef Gauci.