Żagħżugħ Spanjol ta’ 21 sena ngħata sentenza ta’ disa’ xhur ħabs effettivi, wara li ammetta li, fis-16 t’Awwissu li għadda, qabeż fuq numru ta’ karozzi u weġġa’ uffiċjal tal-Pulizija.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Roderick Attard, xliet liż-żagħżugħ li kkawża ħsarat fuq ħames karozzi fi Triq is-Sur Fons, li nsulta, hedded u weġġa’ ħafif surġent tal-Pulizija, waqt li rreżista, b’mod vjolenti, l-arrest u li kien fis-sakra fil-pubbliku.
Iż-żagħżugħ kien tressaq il-Qorti fit-18 t’Awwissu li għadda u kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet.
Waqt li l-Erbgħa kienet qegħda tagħti s-sentenza tagħha, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech innotat l-ammissjoni bikrija tal-akkużat, il-koperazzjoni tiegħu mal-investigaturi u l-kondotta nadifa tiegħu.
Il-Maġistrat qalet li ż-żagħżugħ kien ġie Malta biex jaħdem bħala promotur tal-avvenimenti, iżda għażel li jagħmel ħsara lil proprjetà ta’ terzi sempliċiment għall-gost u minn jeddu. Hu kien ammetta li dakinhar tal-inċident, kien xorob ħafna.
Minkejja dan, il-Maġistrat qalet li riedet tibgħat messaġġ ċar li ma tistax tittollera vjolenza kontra uffiċjali tal-pulizija jew membri tal-forzi tal-ordni u s-sentenza kellha tirrifletti wkoll il-gravità tal-azzjonijiet tiegħu u kkundannatu għal sentenza ta’ ħabs effettiva u multa ta’ €5,000 li jekk ma titħallasx, tinbidel ukoll fi priġunerija.
Hu ġie ordnat ukoll iħallas lura lill-vittmi għad-danni kkawżati li kienu jammontaw għal aktar minn €3,000, flimkien ma’ kważi €485 fi spejjeż tal-Qorti.
L-Ispettur Roderick Attard mexxa l-Prosekuzzjoni.
Bħalissa għaddejjin proċeduri ġudizzjarji wkoll ħames Maltin fejn jinsabu akkużati li, tard is-Sibt li għadda, aggredew żewġ uffiċjali tal-Pulizija fil-qadi ta’ dmirijiethom. Huma tressqu l-Qorti t-Tnejn li għadda fejn wieġbu li mhumiex ħatja.
Bħala prova ewlenija f’dan il-każ, il-Prosekuzzjoni qed timxi fuq filmati tar-reat li nxterdu fuq il-midja soċjali.