Żagħżugħ ta’ 19-il sena kien illiberat bil-kundizzjoni li ma jikkommettix reat ieħor fi żmien sentejn wara li nstab ħati li meta kellu 17-il sena kellu x’jaqsam sesswalment ma’ tfajla sentejn iżgħar minnu.
Hu kien mixli li fit-3 ta’ April tal-2022, fil-ġranet u xhur ta’ qabel, ikkorrompa persuna taħt is-16-il sena u li kellu x’jaqsam sesswalment magħha.
Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit irriżulta li, għall-ewwel, it-tfajla kienet allegat li ż-żagħżugħ kien stupraha f’garaxx, iżda wara li d-difiża esebiet il-provi li kellha, ħareġ li din ma kinitx xehdet il-verità.
Hi wkoll ammettiet li l-att kien kunsenswali kif sostna ż-żagħżugħ.
Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Maġistrat qieset, fost oħrajn, l-etajiet taż-żewġ żgħażagħ u d-differenza żgħira fl-età. Minbarra hekk ikkunsidrat kif anke l-ġuvni kien minorenni hu stess meta seħħ il-każ.
Minbarra s-sentenza sospiża, iż-żagħżugħ ġie ordnat ukoll iħallas ftit inqas minn elf u seba’ mitt ewro, li hi nofs l-ispiża tal-esperti li tqabbdu fl-inkjesta maġisterjali li saret dwar il-każ.