Żagħżugħ nħeles minn akkużi li stupra ħabiba tiegħu.
Il-każ imur lura għal Diċembru 2016, meta t-tfajla marret l-appartament taż-żagħżugħ wara li ħarġu f’għeluq sninha.
Fil-Qorti ħareġ li t-tfajla kienet xurbana u spiċċat fis-sodda mal-akkużat. Bit-tfajla qamet filgħodu bla ħwejjeġ u ż-żagħżugħ qallha sabiex tqum u titlaq qabel jiġi ħuħ.
Huma reġgħu ltaqgħu, bil-Qorti rat messaġġi bejn iż-żagħżugħ u t-tfajla.
Fost il-messaġġi t-tfajla bagħtet liż-żagħżugħ li ħadet pjaċir ħafna.
It-tfajla irrapurtat tlett snin wara u qalet li ġiet stuprata. Hija għamlet dan meta kienet qed taħdem fuq proġett dwar l-abort ma’ avukat. Ma’ din l-avukat hija marret l-għassa tal-Imsida u għamlet ir-rapport fil-konfront taż-żagħżugħ.
Iż-żagħżugħ xehed li huwa u sieħbu waslu lit-tfajla d-dar tagħhom.
Allegatament hija neħħiet il-ħwejjeġ u bdiet tbusu u nsistit li jkollhom x’jaqsmu flimkien sesswalment.
Allegatament hija qaltlu biex ma jinkwetax għax fil-birthday tagħha trid tieħu pjaċir.
Fis-sentenza li ta l-Maġistrat Joseph Mifsud qal li l-Qorti ma tistax tasal għall-konklużjoni li ma kienx hemm il-kunsens tagħha għax it-tfajla qalet li ma tiftakarx.
Il-Maġistrat Joseph Mifsud qal li l-akkużi miġjuba kontra l-imputat huma serji ħafna u la l-pulizija għażlu li jipproċedu wara rapport tal-avukata tagħha kellhom jieħdu l-każ bis-serjeta’ u jressqu l-provi kollha li jitfgħu dawl fuq il-każ. ,
Il-provi kellhom ikunu f’idejn il-pulizija qabel iddeċidew li jressqu lill-imputat il-Qorti u mhux iwegħdu li se jagħmlu dan waqt il-proċess.
Il-Maġistrat Mifsud qal li hija rresponsabbilta’ kbira li persuna titressaq il-Qorti dwar allegat każ li seħħ tliet snin qabel u ma jsirx l-istħarriġ kollu. Għaldaqstant huwa ħeles liż-żagħżugħ minn kull akkuża.