Żagħżugħ indarab gravi f’inċident tat-traffiku wara impatt ma’ vettura oħra f’Ħal Qormi.
L-inċident seħħ illum, għall-ħabta tat-8:20 ta’ dalgħodu fi Triq San Bastjan, Ħal Qormi.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari illi sar irriżulta li kien seħħ impatt bejn vettura tat-tip Citroen c3 li kienet qegħda tiġi misjuqa minn mara ta’ 52 sena residenti Birkirkara u mutur Hyosung misjuq minn raġel ta’ 24 sena residenti Ħaż Żebbuġ.
Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa fejn aktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.