F’konferenza li ttrattat is-suġġett tat-traffikar uman, id-Direttur tal-Aġenzija Appoġġ, Graziella Castillo qalet li l-għan aħħari tal-istess aġenzija, huwa li tgħin lill-vittmi jintegraw lura fis-soċjetà.
Ma’ ONE News, hija spjegat li l-vittmi jingħataw għajnuna ħolistika mill-Aġenzija Appoġġ biex jinqalgħu mis-sitwazzjoni prekarja li jkunu sabu lilhom infushom fiha.
Qalet, “Niftakar każ partikolari, kellna ġuvni ta’ 18-il sena illi kien ġie ttraffikat darbtejn sakemm wasal Malta. Ovvjament bl-għajnuna tas-social workers u l-professjonisti, għinna lil din il-persuna u anki għamel kors, daħal l-MCAST u anki ggradwa u llum ovvjament qiegħed jgħix ħajja indipendenti.”
Dan l-istazzjon tkellem ma’ Svetlana Buttigieg, Maniġer fi ħdan l-aġenzija Appoġġ, li spjegat kif il-vittmi tat-traffikar uman ħafna drabi jkunu qed jesperjenzaw sitwazzjoni ta’ faqar jew inkella jkollhom qraba dipendenti fuqhom.
Qalet, “Għandna persuna mill-Asja, mill-Afrika, mill-Ewropa, mill-Amerika t’Isfel u anki bħala etajiet kienu jvarjaw jiġifieri minn early 20s għal fuq minn ħamsinijat u kellna kemm irġiel u anki nisa li għamlu użu mis-servizz tagħna. Bħala traffikar kien ivarja wkoll, kellna każijiet ta’ sexual exploitation, każijiet ta’ labour exploitation u anki każijiet ta’ domestic servitude iġifieri l-każijiet kienu varjati ħafna.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali Alfred Grixti sostna li fil-konfront ta’ abbuż, għandha titħaddan politika ta’ tolleranza żero.
Qal, “Jiġi Malta b’mod regolari, imbagħad isib li dak illi qalulu fil-pajjiż minn fejn ġie u dak li qed ituh Malta mhuwiex l-istess. Il-paga ma joħodhiex kollha għax jgħidulu, ħa nnaqqsulek tant għall-kera, tant tal-ikel, meta jipprotesta jgħidlu għandi l-permit tiegħek f’idi, ma nagħtihulekx u tiġi irregolari.”
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm il-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon u s-Segretarji Parlamentari Rebecca Buttigieg u Chris Bonett.