Żagħżugħ ta’ wieħed u għoxrin sena minn Bormla ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb ħati wara li ttella’ l-Qorti mixli li ħebb għal gwardjan lokali.
Hu kien akkużat ukoll li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq il-gwardjan, li m’obdiex ordnijiet, li nsulenta, li għamel theddid u li kiser il-paċi pubblika fost oħrajn.
Fil-Qorti ngħad li l-gwardjan kien qed iħarrek xi vetturi meta niżel persuna minn blokka ta’ appartamenti fejn beda jheddu u saħansitra weġġgħu.
L-avukat tad-difiża Franco Debono spjega li l-argument eskala wara nuqqas ta’ ftehim u qal li eventwalment, l-akkużat ser jiskuża ruħu.
Il-Maġistrat Joe Mifsud ħareġ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-gwardjan lokali, ordna li jsir rapport ta’ qabel tingħata s-sentenza u tah il-libertà proviżorja fuq garanzija personali ta’ ħamest elef ewro u kundizzjonijiet oħra.