Argument bejn żewġ żgħażagħ ta’ dsatax-il sena wassal biex wieħed minnhom qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
Kienu ftit minuti wara nofs il-lejl meta l-Pulizija kienet infurmata li hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq San Ġorġ f’San Ġiljan.
Investigazzjonijiet preliminari wrew li l-argument seħħ bejn żewġ żgħażagħ ta’ dsatax-il sena – wieħed mill-Għargħur u l-ieħor mill-Furjana.
Ambulanza li ssejħet fuq il-post ħadet liż-żagħżugħ mill-Għargħur l-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar il-każ għadhom għaddejjin.