Somalu ta’ 23 sena ġie kkundannat sentejn u nofs ħabs wara li ammetta li ħebb għal raġel u kisirlu mnieħru f’Paceville fl-ewwel jum tas-sena. Dan waqt li kien taħt l-influwenza ta’ xi sustanza.
Sakariye Abdirahman Hassan, tressaq il-Qorti mill-Ispterru Matthew Spangol hekk kif ikkawża ġrieħi ħfief fuq raġel fi Triq San Ġorġ, Paceville, għall-ħabta tat-08:30 ta’ filgħodu tal-1 ta’ Jannar. Huwa kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet ta’ sentenza sospiża li kien ingħata f’Mejju tas-sena l-oħra fuq akkużi simili.
Fil-Qorti kien spjegat li l-pulizija ntalbu jagħtu l-għajnuna barra stabbiliment tat-trasport privat hekk kif il-vittma nstab mitluf minn sensieh mal-art. Jidher lu l-ewwel rapporti kienu li żewġ persuni ħebbew għal vittma, u dawn ġew arrestati. Aktar tard, wieħed minnhom inħeles.
Il-vittma kien allegatament taħt l-influwenza tax-xorb fil-ħin tal-inċident, u ħabat rasu hekk kif waqa’ mal-art. Iżda l-Qorti ċċarat li l-ġrieħi f’imnieħru u f’wiċċu kienu kkawżati minn Hassan.
L-avukat difensur Marita Pace Dimech qalet li l-akkużat kien lest jammetti l-akkużi miġjuba kontrih. Anke wara li l-Maġistrat Natasha Galea Sciberras spjegatlu li minħabba li kien diġà kiser il-kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest, iċ-ċans huwa li dan jintbagħat il-ħabs, l-akkużat xorta għażel li jwieġeb ħati. Min-naħa tiegħu, l-Ispettur Spangol qal li l-Istat tah ċans itejjeb l-imġieba tiegħu u dan ma ħadux, u għalhekk, is-Somalu mhux ta’ min jafdah, u nsista li jintbagħat il-ħabs.
Wara li kkunsidrat li l-akkużat ammetta fi stadju bikri tas-smigħ u t-tendenzi kriminali tiegħu, il-Qorti qalet li m’għandha ebda għażla għajr li tibagħtu sitt xhur ħabs, li magħhom żiedet ukoll is-sentenza sospiża li kien ingħata f’Mejju tas-sena l-oħra fuq akkużi simili.