Żagħżugħ ta’ 22 sena ngħata sentenza sospiża u kif ukoll ħadulu l-liċenzja wara li ammetta li ta daqqa ta’ ras lil mara li rrifjutat l-avvanzi sesswali tiegħu.
Antoine Ellul minn Santa Venera deher taħt arrest quddiem il-Qorti akkużat li kkawża ġrieħi gravi lill-persuna, li saq mingħajr liċenzja u mingħajr insurance, li m’obdiex l-ordni tal-Pulizija u li kiser il-paċi pubbliku.
Ellul f’dikjarazzjoni mal-Pulizija qal li dakinhar li seħħ il-każ, fl-20 ta’ Awwissu fil-Gżira, hu kien argumenta mal-vittma, iżda l-mara pprovdiet dikjarazzjoni iktar iddettaljata. Hi spjegat li l-akkużat ta daqqa ta’ ras f’wiċċha waqt li kienu fuq wara tal-karozza tiegħu, wara li rrifjutat l-avvanzi sesswali tiegħu.
Hekk kif il-Pulizija bdiet tinvestiga l-allegazzjonijiet tal-mara, huma sabu li ż-żagħżugħ kien qed isuq anke jekk il-liċenzja ttiħditlu wara li kellu numru ta’ każijiet relatati mas-sewqan.
L-avukat Victor Bugeja wieġeb ħati f’isem Ellul għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu.
Kien għalekk li l-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit,iddeċidiet li tagħtih sentenza ta’ 10-xhur ħabs sospiżi għal sentejn kif ukoll ordni ta’ superviżjoni. Il-Qorti tat ordni wkoll li Ellul ma jitħalliex isuq għal tnax-il xahar.