Clyde Mallia ta’ 25 sena minn Ħal Għaxaq ġie kkundannat tliet snin ħabs wara li nstab ħati li spara u qatel qattus, kif ukoll li qata’ widnejn kelb.
Il-każ seħħ nhar l-1 ta’ Ġunju tal-2024, meta qattus instab mejjet bid-demm inixxi minnu ħdejn ħanut tal-ikel fil-Marsa. Filmati minn kameras tas-CCTV wrew karozza bajda tieqaf viċin il-qattus qabel dan waqa’ fl-art jgħajjat bl-uġigħ.
Analiżi veterinarja kkonfermat li l-ġrieħi fatali kienu kkawżati minn pellet ta’ airgun li laqtet il-pajp tan-nifs u kkawża ksur fl-ispina tal-qattus.
L-investigazzjoni tal-pulizija wasslet biex tiġi identifikata Christine Schembri, bħala sidt il-vettura. Madankollu rriżulta li l-karozza kienet inxtrat mill-akkużat ftit jiem biss qabel l-inċident.
Xasnolley, bint Schembri li kienet f’relazzjoni ma’ Mallia dak iż-żmien, qalet lill-Pulizija li kienet fil-karozza meta nqatel il-qattus bl-arma taż-żagħżugħ.
Il-Pulizija sabu kontenitur b’pellets fir-residenza ta’ Mallia, li kienu jaqblu ma’ dawk użati fit-tir fatali. Ritratti u filmati minn mobile marbut ma’ Mallia wrewh b’arma tan-nar f’idu kif ukoll għasafar mejta ħdejn l-istess arma.
Aktar investigazzjonijiet żvelaw li Mallia adotta kelb żgħir li nstab b’widnejh maqtugħin.
Mallia wkoll instab ħati li hu riċediv.