Bejn it-23 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Ġunju, 2024, iż-żagħżugħ Għawdxi Thiago Jo Said, li kiseb it-titlu ta’ Junior Cultural Ambassador 2023, ingħaqad ma’ 22 rebbieħ ieħor minn 20 pajjiż differenti f’Beijing. Minbarra li ħa sehem f’diversi attivitajiet kulturali, Said attenda għaċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet tal-avveniment tal-Junior Cultural Ambassadors taċ-China Soong Ching Ling Foundation.
Wara li wieġeb għal sejħa miċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta biex żgħażagħ ta’ talent jikkompetu għat-titlu ta’ Junior Cultural Ambassador, Said intagħżel bħala r-rebbieħ. Għal din il-kompetizzjoni, huwa ppreżenta filmat qasir fejn deher idoqq il-pjanu. Barra minn hekk, peress li t-tema tal-kompetizzjoni kienet “My Dream Cities in China,” huwa tkellem dwar l-ibliet favoriti tiegħu Ċiniżi: Beijing, Shanghai, u Lhasa, il-kapitali tat-Tibet.
Il-programm taż-żjara mimli b’varjetà ta’ attivitajiet kulturali offra esperjenza unika għall-parteċipanti kollha. Fosthom, huma żaru l-Belt Ipprojbita, is-sezzjoni tal-Ħajt il-Kbir Juyongguan, il-Mużew tal-Palazz tal-Prinċep Kung, u t-toroq kummerċjali ta’ Qianmen u Dashilan. Huma esploraw ukoll l-Istadium Nazzjonali, magħruf bħala l-Bird’s Nest, u l-Water Cube, jew aħjar iċ-Ċentru Nazzjonali Akkwatiku. Il-grupp kellu wkoll l-opportunità li jirkeb il-high-speed train lejn Tianjin; post magħruf għall-artiġjanat tal-insiġ u l-figurini tat-terrakotta, fost oħrajn.
Il-parteċipanti kellhom ukoll iċ-ċans li jitgħallmu kif isiru ċerti snajjiet, bħat-tie-dye fejn drapp abjad jingħata l-kulur, it-tisjir tad-dumplings li huma saffi rqaq ta’ għaġina mimlija b’ingredjenti mielħa jew ħelwin, u l-istampar tal-blokok tal-injam.
“Din kienet esperjenza li mhu ser ninsa qatt. Kienet l-ewwel darba li żort iċ-Ċina u tassew apprezzajt niskopri kemm huma dħulin in-nies, il-kultura sabiħa tagħhom, l-arkitettura raffinata, u l-ġmiel tal-pajsaġġi naturali. Dawn il-ġranet servew ukoll biex għamilt ħbieb ġodda minn madwar id-dinja li għandhom l-istess interessi tiegħi,” qal Said.
Ommu, Cynthia Saliba, li akkumpanjatu waqt din iż-żjara fiċ-Ċina, stqarret li din l-esperjenza serviet ta’ valur kbir għal binha, li għandu interess kbir fiċ-Ċina u bħalissa qed jistudja l-lingwa Ċiniża fiċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta. Għaliha wkoll, din kienet l-ewwel darba li żaret dan il-pajjiż u anki hi apprezzat il-ġmiel taċ-Ċina, il-poplu akkoljenti tagħha u s-sens ġenerali ta’ sikurezza li ħasset kull fejn marru.