Żagħżugħ ta’ 27 sena mill-Imqabba jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien involut f’inċident f’kamra tan-nar li tinsab fl-inħawi Ta’ Kandja fil-limiti tas-Siġġiewi.
L-inċident seħħ is-Sibt filgħaxija għall-ħabta tas-sitta u nofs u minn stħarriġ preliminari rriżulta li r-raġel kien qed jagħmel xi xogħol relatat mal-logħob tan-nar u seħħ inċident bil-konsegwenza li sofra xi ġrieħi kkawżati minn ħruq.
Ir-raġel ingħata l-għajnuna minn tim mediku u membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza u aktar tard ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji.
Il-Maġistrat Dr Philip Galea Farrugia ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta, filwaqt li lPulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.