Tifel ta’ 13-il sena minn Għajnsielem qed isofri minn ġrieħi gravi wara li kellu inċident waqt li kien qed isuq rota.
Il-każ seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tas-7:00 ta’ filgħaxija fi Triq Sant’ Antnin, Għajnsielem.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari illi saru, irriżulta li t-tifel għal xi raġuni waqa’ ġo gandott waqt li kien qed isuq ir-rota.
It-tifel ittieħed l-Isptar Ġenerali t’Għawdex sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.